Servizzi tar-Reklamar tal-Apple Krediti Promozzjonali Termini
u Kundizzjonijiet
Data Effettiva: 14 ta’ Awwissu, 2026
Dawn it-termini u kundizzjonijiet (dawn it-”Termini tal-Offerta”) jirregolaw l-użu tiegħek ta’ krediti promozzjonali, inċentivi, jew offerti oħra li jkunu offruti jew pprovduti minn Apple relatati mal-użu tiegħek tas-Servizzi skont it-”Termini tas-Servizz” tas-Servizzi ta’ Reklamar ta’ Apple. Termini kapitalizzati li jintużaw u mhumiex definiti f’dawn it-Termini tal-Offerta għandhom it-tifsiriet assenjati lilhom fit-Termini tas-Servizz. F’każ ta’ kunflitt dirett u irrikonċiljabbli bejn kwalunkwe terminu jew kundizzjoni ta’ dawn it-Termini tal-Offerta u dawk f’xi ftehim separat bejnek u Apple rigward krediti promozzjonali, inċentivi, jew offerti oħra li għandhom jiġu applikati għall-użu tiegħek tas-Servizzi, dawn tal-aħħar għandhom jieħdu prijorità.
1. Offerti ta’ Kreditu Promozzjonali
Apple tista’, minn żmien għal żmien u skont id-diskrezzjoni tagħha, toffri jew tipprovdi krediti promozzjonali, inċentivi, jew offerti oħra li jistgħu jiġu applikati għall-użu tiegħek tas-Servizzi (kull wieħed bħala “Offerta”). Kull Offerta hija suġġetta għal dawn it-Termini tal-Offerta, kif ukoll għal kull kriterju ta’ eliġibbiltà, restrizzjonijiet u limitazzjonijiet applikabbli għall-Offerta kif speċifikat minn Apple, inkluż, iżda mhux limitat għal, fuq ads.apple.com/credit-eligibility-criteria-and-limitations (il-“Kriterji ta’ Eliġibbiltà”). L-accettazzjoni ta’ Offerta min-naħa tiegħek, inkluż meta tużaha, tfisser li inti taċċetta dawn it-Termini tal-Offerta u tirrikonoxxi u tiddikjara li qed tikkonforma mal-Kriterji ta’ Eliġibbiltà.
2. Eliġibbiltà
Biex tkun eliġibbli għal Offerta, trid ikollok Kont validu u attiv, fi stat tajjeb, b’metodu ta’ ħlas validu, u trid tissodisfa l-kriterji l-oħra kollha skont kif speċifikat minn Apple, inkluż, iżda mhux limitat għal, dawk fil-Kriterji ta’ Eliġibilità.
3. Disponibbiltà u Skadenza
Offerta tista’ tkun disponibbli għal żmien limitat u tista’ tiskadi f’data speċifika jew wara perjodu speċifiku ta’ żmien, kif speċifikat minn Apple, inkluż, iżda mhux limitat għal, fil-Kriterji ta’ Eliġibbiltà. Jekk Offerta tinkludi data ta’ skadenza, kwalunkwe parti mhux użata tal-Offerta tiskadi wkoll f’dik id-data. Kull parti mhux użata ta’ Offerta se tiskadi awtomatikament meta jintemm il-Kont Tiegħek, jekk tirrifjuta jew tirrevoka l-kunsens tiegħek, jew tikser it-Termini tas-Servizz jew dawn it-Termini tal-Offerta. L-Offerta mhix valida fejn tkun ipprojbita mil-liġi u f’każ ta’ frodi, żball, jew rappreżentazzjoni falza. Apple tirriżerva d-dritt li tirrevoka, tikkanċella, jew tieħu lura l-ammont tal-Offerta, kollha jew parzjalment, li tkun inkisbet jew intużat bi ksur ta’ dawn it-Termini tal-Offerta, it-Termini tas-Servizz, jew kwalunkwe ftehim ieħor applikabbli, jew permezz ta’ kwalunkwe frodi, żball, jew rappreżentazzjoni falza relatata mal-Offerta.
4. Restrizzjonijiet
L-offerti mhumiex trasferibbli, mhumiex għall-bejgħ mill-ġdid, ma jistgħux jinbidlu għal flus kontanti jew valur ieħor, ma jistgħux jintużaw biex ikopru fatturi jew debiti preeżistenti, u, sakemm Apple ma tkunx speċifikat mod ieħor, ma jistgħux jiġu kkombinati ma’ offerti jew skontijiet oħra.
5. Użu
Kull Offerta li tiġi applikata awtomatikament għall-Kont Tiegħek tkun disponibbli għall-użu kif speċifikat minn Apple, inkluż, iżda mhux limitat għal, fil-Kriterji ta’ Eliġibbiltà. Jekk l-ispiża totali tat-tranżazzjoni jew tal-fattura tiegħek taqbeż l-ammont tal-Offerta, Inti se tkun responsabbli biex tħallas il-bilanċ li jkun fadal billi tuża metodu ta’ pagament validu skont it-Termini tas-Servizz. Jista’ jkun li Apple mhux dejjem se tinnotifikak meta tinħareġ Offerta, meta l-Offerta tkun ġiet użata għalkollox, jew tiskadi. Inti responsabbli li timmonitorja l-bilanċ tal-Kont tiegħek u l-istatus ta’ kwalunkwe Offerta.
6. Taxxi
L-użu tiegħek ta’ krediti promozzjonali, inċentivi, jew offerti oħra offruti minn Apple, huwa suġġett għas-Sezzjoni 7(e) tat-Termini tas-Servizz. Biex ma jkun hemm l-ebda dubju, Inti responsabbli li tħallas u tibgħat kwalunkwe taxxa li tirriżulta u/jew tapplika għall-użu tiegħek ta’ kwalunkwe Offerta lill-awtoritajiet tat-taxxa rilevanti. L-offerti ma jistgħux jiġu applikati għall-ħlas tiegħek ta’ taxxi jew ħlasijiet oħra. Il-ħlas tiegħek ta’ kwalunkwe taxxa jew ħlasijiet oħra ma jingħaddx għall-ksib ta’ xi Offerta.
7. Munita
Jekk il-munita tal-Offerta tiegħek tkun differenti mill-munita ssettjata fil-Kont tiegħek, l-ammont tal-Offerta se jiġi maqlub għall-munita tal-Kont tiegħek skont il-prattiċi tal-konverżjoni tal-munita ta’ Apple li jkunu kurrenti f’dak iż-żmien. Apple mhijiex responsabbli għal kwalunkwe differenzi fir-rati ta’ konverżjoni jew ta’ xi bidliet li jirriżultaw fil-valur tal-Offerta tiegħek.
8. L-Ebda Garanzija
Apple ma tiggarantixxix il-prestazzjoni tas-Servizzi, jew l-użu tiegħek tas-Servizzi, b’rabta ma’ kwalunkwe Offerta. Inti tirrikonoxxi u taqbel li Apple mhix responsabbli għal kwalunkwe telf jew ħsara li jirriżultaw minn kwalunkwe Offerta jew l-aċċettazzjoni jew l-użu tiegħek ta’ dik l-Offerta.
9. Bidliet għat-Termini
Apple tista’ timmodifika jew temenda dawn it-Termini tal-Offerta fi kwalunkwe ħin billi tavżak b’mod raġonevoli. Inti taqbel li żżur regolarment https://ads.apple.com/mt/promo-terms jew https://ads.apple.com/mt/promo-terms, jew kwalunkwe post ieħor aċċessibbli kif notifikat minn Apple, u li tirrevedi dawn it-Termini tal-Offerta, inkluż għal kwalunkwe modifika, li tista’ tiġi indikata minn aġġornamenti għad-Data Effettiva indikata fil-quċċata tat-Termini tal-Offerta. Inti tirrikonoxxi u taqbel li hija responsabbiltà tiegħek li tirrieżamina dawn it-Termini tal-Offerta għall-modifiki b’mod regolari. L-accettazzjoni jew l-użu kontinwu tiegħek ta’ kwalunkwe Offerta wara kwalunkwe modifika jew emenda ta’ dawn it-Termini tal-Offerta se jikkostitwixxi l-accettazzjoni tiegħek ta’ dawn il-modifiki jew emendi.
10. Terminazzjoni
Kull waħda mill-Partijiet, fid-diskrezzjoni unika tagħha, tista’ ttemm dawn it-Termini tal-Offerta fi kwalunkwe ħin b’notifika lill-Parti l-oħra kif speċifikat fit-Termini tas-Servizz. Sakemm ma jkunx espressament previst mod ieħor f’dawn it-Termini tal-Offerta jew fit-Termini tas-Servizz, jew kif meħtieġ mil-liġi applikabbli, jekk Inti ttemm dawn it-Termini tal-Offerta ma’ Apple, wara t-terminazzjoni: (i) Inti tieqaf immedjatament milli tuża l-Offerti kollha; (ii) Inti ma taċċettax jew ma tużax Offerti ġodda; u (iii) kwalunkwe parti mhux użata tal-Offerti kollha se tiskadi awtomatikament. Ir-rifjut jew ir-revoka tiegħek tal-kunsens għat-Termini tas-Servizz, jikkostitwixxi t-terminazzjoni ta’ dawn it-Termini tal-Offerta min-naħa tiegħek. Jekk Apple ttemm dawn it-Termini tal-Offerta miegħek, int m’intix se taċċetta jew tuża Offerti ġodda, iżda tista’ tkompli tuża Offerti, jew partijiet minnhom, li aċċettajt qabel it-terminazzjoni sakemm: (i) it-terminazzjoni ta’ dawn it-Termini tal-Offerta minn Apple kienet għal raġuni ġustifikata; (ii) kull waħda mill-Partijiet temmet il-ftehim dwar it-Termini tas-Servizz; (iii) Apple temmet, issospendiet, immodifikat jew irrestrinġet l-aċċess tiegħek għas-Servizzi; jew (iv) Inti m’għadekx tissodisfa l-kriterji kollha ta’ Eliġibbiltà.